[index]


PARTI I
TITOLU I

TIFSIR U GĦANIJIET TA' L-UNJONI

Artikolu I-1
Stabbiliment ta' l-Unjoni

1. Ispirata mir-rieda taċ-ċittadini u ta' l-Istati ta' l-Ewropa li jibnu l-futur tagħhom komuni, din il- Kostituzzjoni tistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, li lilha l-Istati Membri jikkonferixxu kompetenzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni.
L-Unjoni għandha tikkordina l-politika li biha l-Istati Membri għandhom il-ħsieb li jilħqu dawn l-għanijiet, u għandha teżerċita fuq bażi Komunitarja l-kompetenzi li jikkonferixxu lilha.

2. L-Unjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Ewropej kollha li jirrispettaw il-valuri tagħha u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom flimkien.


Artikolu I-2
Il-Valuri ta' l-Unjoni
L-Unjoni hija mibnija fuq il-valuri ta' rispett għad-dinjità tal-bniedem, ta' libertà, ta' demokrazija, ta' ugwaljanza, ta' l-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà karatterizzata mill-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u lugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.


Artikolu I-3

L-Għanijiet ta' l-Unjoni

1. L-għan ewlieni ta' l-Unjoni hu li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-ġid tal-popli tagħha.

2. L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja mingħajr fruntieri interni, u suq intern fejn il-kompetizzjoni hija libera u mhux imxekkla.

3. L-Unjoni għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa mibni fuq it-tkabbir ekonomiku bilanċjat, l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq b'kompetittività għolja, u jimmiraw li kulħadd jaħdem għall-progress soċjali, b'livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent.
Għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku wkoll.
Għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u lprotezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u lprotezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.
Għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.
Għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika u għandha tiżgura li l-patrimonju kulturali Ewropew jiġi mħares u żviluppat.

4. Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha ssostni u tippromwovi l-valuri u linteressi tagħha.
Għandha tikkontribwixxi għall-paċi, s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, ssolidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u lprotezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għall-osservanza stretta u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan- Nazzjonijiet Uniti.

5. L-Unjoni għandha ssegwi l-għanijiet tagħha b'mezzi approprjati, fuq bażi tal-kompetenzi rilevanti li huma kkonferiti lilha fil-Kostituzzjoni.


Artikolu I-4:
Il-Libertajiet fundamentali u n-non-diskriminazzjoni

1. Il-moviment liberu ta' persuni, ta' servizzi, ta' merkanzija u ta' kapitali, u l-libertà ta' stabbiliment għandhom ikunu garantiti mill-Unjoni u fi ħdanha, skond il-Kostituzzjoni.

2. Fil-kamp ta' l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha, kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità għandha tkun projbita.


Artikolu I-5
Ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri

1. L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta' l-Istati Membri quddiem il-Kostituzzjoni kif ukoll lidentitajiet nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, inklużi dawk tal-gvern awtonomu reġjonali u lokali.
Għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jiżguraw l-integrità territorjali ta' l-Istat, il-manteniment ta' l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

2. Skond il-prinċipju ta' koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, b'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fl-eżekuzzjoni tal-kompiti li huma tagħhom b'riżultat tal- Kostituzzjoni.
L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura xierqa, ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu mill-Kostituzzjoni jew li jirriżultaw mill-atti ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jiġu mwettqa.
L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tqiegħed fil-periklu lill-Unjoni milli tikseb l-għanijiet tagħha.


Artikolu I-6
Id-Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta' l-Istati Membri.


Artikolu I-7
Personalità Ġuridika
L-Unjoni għandha personalità ġuridika.


Artikolu I-8
Is-Simboli
ta' l-Unjoni Il-bandiera ta' l-Unjoni għandha tkun ċirku ta' tnax-il stilla tad-deheb fuq sfond blu.
L-innu ta' l-Unjoni huwa bbażat fuq “Odi lil Hena” mid-Disa' Sinfonija ta' Ludwig van Beethoven.
Il-motto ta' l-Unjoni hu: “Maqgħuda fid-diversità”.
Il-munita ta' l-Unjoni hija l-euro.
Jum l-Ewropa jiġi ċċelebrat fid-9 ta' Mejju fl-Unjoni kollha.








[index]